Lapsi

Is-sit tal-Knisja Parrokkjali l-antika ta' San Ġiljan u

tal-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan VO/1891

Knisja ta' Lapsi, San Ġiljan

Ir- Restawr ta' Żewġ Statwi ta' Anġli, xogħol Karlu Darmanin, appoġġjat mill-Kunsill Malti għall-Arti

Fil-15 ta' Settembru li għadda, l-Għaqda ġiet infurmata li l-applikazzjoni li ssottomettiet lill-Kunsill Malti għall-Arti bħala parti mill-iskema ta’ finanzjament artistiku għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali, ġiet aċċettata.

Applikajna għal din l-iskema bi proposta ta' restawr ta' żewġ statwi ta' anġli, xogħol tal-magħruf artist Karlu Darmnin, fl-okkażjoni tal-125 sena mill-wasla tagħhom f'San Ġiljan. Notamenti fir-reġistri tal-infieq tal-prokura tal-lampier tal-Knisja Parrokkjali ta' San Ġiljan, preċiżament mal-ispejjez tal-festa ta' San Ġiljan tal-1896, insibu ħlas ta’ ħames liri lil ‘L.Rocco per pedestallo di un angelo’. Dan jagħtina x’nifmhu li kienu qed isiru xi statwi biex iżejnu l-wesgħat ta’ barra l-knisja. Konferma ta’ dan insibuha f’annotamenti ta’ ħlasijiet li saru fil-25 t’Awwissu tas-sena ta’ wara fejn insibu ħlas ta’ tmien liri ‘al Sig. C. Darmanin per una statua rappresentante un angelo’. Din hija riferenza ċara għall-artist Senglean Karlu Darmanin u konferma li l-anġli huma filfatt tal-Karlozzu. F’din il-ġurnata reġa’ tħallas l-istess somma ta’ ħames liri għal pedestall ieħor Lorenzo Rocco, filwaqt li ċertu G.C. Busuttil tħallas għad-drapp ta’ bandiera għall-anġlu. Din hija konferma li dawn huma l-istess anġli għaliex f’idejhom għandhom lasta ta’ bandiera.

Il-kumitat tal-Għaqda ddeċieda li jafda dan ix-xogħol lis-Sur Mariorick Mifsud u lill-assistenti li jaħdmu fl-istudio tiegħu.


Dan il-proġett qed jiġi megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti

Restawr u Konservazzjoni tal-Kwadru Titulari ta' San Ġiljan Ospitalier, attribwit lil Antonio Catalano (1596)

B'sens ta' sodisfazzjon kbir, il-kumitat tal-Għaqda Dilettanti Knisja ta' Lapsi, San Ġiljan jixtieq iħabbar li nhar is-Sibt, 19 ta' Frar 2022 ser jitniżżel minn postu l-kwadru titulari ta' San Ġiljan, attribwit lil Antonio Catalano (1596) sabiex jittieħed għal intervent ta' restawr u konservazzjoni. Dan il-proġett ġie fdat lil Amy Sciberras Conservators - Fine Arts Restoration. L-ewwel pass f'dan il-proġett jinvolvi l-analiżi xjentifika u dokumentazzjoni.

Dan il-proġett qed jiġi megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti u d-Direttorat tar-Restawr permezz tar-Restoration Funding Scheme. Dan wara proċess kompetittiv li fih dan il-proġett tal-Għaqda ġie kklassifikat fl-ewwel post minn tnax-il applikazzjoni eliġibbli. Għal dan il-proġett qed tiġi allokata s-somma ta' €14,879.

Skond studju riċenti tal-Professur Mario Buhagiar (2014), il-kwadru titulari ta’ San Ġiljan huwa l-istess kwadru imsemmi fiż-żjajjar pastorali li għamlu l-isqfijiet fil-Knisja ta’ San Ġiljan sa mill-1601. Huwa tpitter fl-1596 minn Antonio Catalano.

Dan il-kwadru jissemma sa mill-ewwel viżta pastorali dokumentata fil-Knisja ta’ San Ġiljan Konfessur, fil-post imsejjaħ ‘tal-kaletti’ mill-Isqof Spanjol Tommaso Gargallo fl-1601. Hu jsemmi ikona sabiħa u devota tal-istess qaddis fuq l-artal il-maġġur: ‘In maiori est Jcona euisdem Sancti admodum decens et decora...’

Aqra aktar hawn


Tumas Group jappoġġja t-tieni fażi tal-Proġett tar-Restawr, il‑Konservazzjoni u r‑Ridekorazzjoni tal-Knisja

Bħala parti mill-programm dwar ir‑responsabbiltà korporattiva soċjali tiegħu, Tumas Group qiegħed jappoġġja l-proġett tar- restawr, il‑konservazzjoni u r-ridekorazzjoni ta’ ġewwa l‑knisja parrokkjali l‑antika ta’ San Ġiljan magħrufa bħala ‘Ta’ Lapsi’. Dan il-proġett qed jiġi kkordinat mill-kumitat tal-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan.


It-tieni fażi ta’ dan il-proġett qed titwettaq taħt id-direzzjoni tal-artist Silvio Pace u qed tiġi megħjuna minn Tumas Group.


Din il-fażi tinvolvi l-induratura bid-deheb 23.5 karat ta’ karatteristiċi arkitettoniċi tal-knisja mill-induratur Omar Camilleri; inkluż il-kor, il-korsija, l-altari tal-ġnub u l-arkati fuq kull altar u l-bibien tal-ġnub. L-altari tal-ġnub se jiżżejnu minn artist ieħor – George Portelli, bl-irħamar jew finto marmo.


Permezz tal-programm dwar ir‑responsabbiltà korporattiva soċjali tiegħu, Tumas Group huwa kommess li jassisti organizzazzjonijiet magħżula bir-reqqa li jaħdmu sabiex iħarsu t-tradizzjonijiet lokali, li jappoġġjaw l-arti, il-kultura u t-tradizzjonijiet tal-gżejjer Maltin. Huwa f’dan l-ispirtu li Tumas Group qed jappoġġja r-restawr, il‑konservazzjoni u r-ridekorazzjoni ta’ ġewwa l-knisja parrokkjali l-antika ta’ San Ġiljan, post ta’ qima bi storja ta’ fuq medda ta’ erba’ sekli li ta ismu lil-lokalità ta’ San Ġiljan.

Aqra aktar hawn

Tiġa fi tmiemha l-ewwel fażi tal-Proġett tar-Restawr, il-Konservazzjoni u r-Ridekorazzjoni tal-Knisja

Il-Knisja Parrokkjali l-Antika (Ta' Lapsi) infetħet mill-ġdid nhar il-Ħadd, 3 ta' Ottubru 2021 wara xahrejn magħluqa. Kien proprju nhar it-Tnejn, 2 t’Awwissu li ngħata bidu għall- ewwel fażi tal-proġett ta restawr u konservazzjoni tal-ġebla taz-zokklatura, żebgħa u ridekorazzjoni tal-knisja. Dan il-proġett ġie koordinat mill-kumitat tal-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan.

L-ewwel fażi tal-proġett kienet tikkonsisti fir-restawr u l-konservazzjoni tal-ġebla taz-zokklatura, speċjalment fuq in-naħa tal-lemin tal-knisja li, kawża ta umdità, partikolarment fl-altari tal-Madonna tar-Rużarju u Sant'Anna, kienet qed titfarfar u tiddeterjora bmod allarmanti. Iż-żebgħa taż-żejt, li ġiet applikata xi snin ilu, tneħħiet miz-zokklatura sabiex din tinġieb kollha kemm hi fuq il-ġebla. Wara sar rikostruzzjoni tal-partijiet tal-ġebla, li ntilfu. Imbagħad sar xogħol ta xkatlar ħafif fuq il-bqija tal-knisja, tikħil bi prodotti apposta li jifilħu għall-umdità – ibbażati fuq hydraulic lime, u żebgħa bi prodotti apposta għal fuq il-hydraulic lime.

Parti kbira mill-proġett ġie megħjun mill-Kunsill Lokali San Ġiljan, bfondi mir-Reġjun Ċentru.

Aqra aktar hawn

Konkluż il-Proġett ta' Restawr u Konservazzjoni tal-Paviment tal-Knisja megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti

Wara xhur ta' xogħol fuq ir-restawr u konservazzjoni tal-irħam tal-paviment tal-irħam tal-knisja mill-Marmista Joseph Calleja, f'Ġunju sar ix-xogħol tal-għarik minn Edward Abdilla. Dan tlesta għall-festa tal-Imnarja meta reġgħet infetħet il-knisja.

Fil-jiem li għaddew ġiet konkluża il-fażi tad-dokumentazzjoni mill-konservaturi/restawraturi u r-rapporti issa se jingħaddew lill-Kunsill Malti għall-Arti li ffinanzja dan il-proġett permezz tar-Restoration Funding Scheme amministrata mill-istess Kunsill u mid-Direttorat tar-Restawr. Għaldaqstant nistgħu ngħidu li l-proġett tlesta.

Ix-xogħol ta' restawr u konservazzjoni sar mill-Marmista Joseph Calleja, filwaqt li x-xogħol tal-għarik fuq il-paviment sar mis-Sur Edward Abdilla. Il-proġett kollu sar taħt id-direzzjoni ta' James Licari u Ingrid Ross, konservaturi u restawraturi minn Heritage ResCo.


Il-proġett ġie megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti.

Aqra aktar hawn

Ir-ritratti li qed jidhru f'dan is-sit huma ta' Robert Camilleri (Fotoclassic), John Grixti, Mark Micallef Perconte u Julian Scicluna . Kull dritt miżmum mill-fotografi rispettivi.